Jekk il-qassis djoċesan mhux ser jgħix f’kunvent, għalfejn jagħmel seba’ snin jgħix f’komunità fis-Seminarju? Hija domanda li tqum f’xi ħin jew ieħor għal żagħżugħ li qed jieħu bis-serjetà is-sejħa saċerdotali. X’inhu l-valur?

  1. Ġesù sejjaħ persuni b’isimhom, iżda għaliex għażel it-tnax?

Fil-Vanġelu insibu ir-rakkonti tas-sejħa tad-dixxipli – ta’ Indri u Pietru, ta’ Mattew, u oħrajn. Però insibu wkoll li “għażel tnax biex ikunu miegħu u biex jibgħathom”. Mhux biss il-formazzjoni tagħhom wettaqha f’komunità iżda wkoll il-missjoni li jagħtihom ried li jagħmluha bħala komunità – miegħU u flimkien. Il-formazzjoni fis-Seminarju tpoġġi fil-konkret l-istess stil: li tinbena komunità nisranija fejn is-saċerdoti li joffru formazzjoni – rettur, viċi-rettur, direttur spiritwali – u s-seminaristi ifittxu li jingħaqdu aktar mill-qrib ma’ Ġesù u jħalluh jurihom kif ikunu rgħajja bl-istess qalb tiegħu.

  1. X’inhi l-missjoni tal-Knisja?

Anke meta jibgħat lid-dixxipli tnejn tnejn, Ġesù ried ukoll li jibqgħu miegħU. Wieħed ma jsirx qassis, jinqata’ għal rasu u jmexxi waħdu. Kultant wieħed jifhem ħażin il-qassis bħal atleta li jaqsam min-naħa għall-oħra ta’ xi wied għoli minn fuq ħabel (tight rope walker). Jekk jirnexxilu, jċapċpulu, u jekk le jgħidu li falla. Bil-kontra, il-qassis ma jagħmilx sens jekk mhux f’rabta kontinwa ma’ Ġesù biex tidher il-qawwa tiegħu. U l-qassis ma jagħmilx sens jekk mhux fi presbiterju f’rabta sħiħa mal-isqof u f’korresponsabbiltà mal-lajċi. Kollha flimkien, poplu wieħed immexxi mill-Ispirtu ta’ Kristu f’missjoni għas-servizz ta’ kull bniedem.

 

  1. Illum hemm bżonn aktar?

Il-komunità hija essenzjali fil-formazzjoni u l-missjoni tal-qassis. Fis-soċjeta tagħna hemm aktar għarfien tal-valur tal-persuna u d-drittijiet tiegħu. Iżda hemm ukoll riskju ta’ individwaliżmu. Dan jitlob formazzjoni f’komunità sabiex wieħed ma jgħix il-vokazzjoni għalih innifsu, biex jidher hu, imma biex bħal Kristu jagħti ħajtu għall-oħrajn. Is-sens ta’ appartenenza huwa wkoll essenzjali għall-missjoni tal-Knisja. Fejn tikber is-solitudni u d-diviżjoni, il-Knisja msejjħa tiżra’ għaqda m’Alla u bejn il-bnedmin.

 

Artiklu Miktub minn Dun Jimmy Bonnici, Rettur tas-Seminarju