Ir-Riċetta…

Min jaf kemm drabi ltqajna ma xi riċetta tal-ikel. Minkejja d-differenza fl-ikel, kollha jimxu fuq l-istess still: ingredjenti, metodu u xi rittrat tar-rizultat mixtieq. Hemm xi riċetta li biha wieħed jista’ jagħraf is-sejħa t’Alla? Jekk iva, x’inhuma l-ingredjenti? Kif ser jaħdem Alla b’dawn l-ingredjenti?, u kif ser inkun ċert mir-rizultat? Ejjew nesploraw ricetta li sibt u nixtieq naqsam maghkom.

Ingredjenti:

  • Talenti
  • Intelliġenza
  • Karattru
  • Djgħufija
  • Umanità
  • Rieda
  • Liberta
  • Ħbiberiji

 

Metodu:

  • Kun għajnejk u moħħok miftuħ, għal kif tħossok u x’inhu għaddej minn ġo fik; x’qieghed jaghddi minn moħħok u minn qalbek, matul iż-żmien li ilek taħseb fuq x’tixtieq f’hajtek, tikkonsidra toroq importanti bħal: żwieġ, saċerdot, lajk impenjat jew hajja kk X’inhuma l-motivi li jitfaċċaw spiss? Biża’…  xi fjask jew frustrazzjoni…  xewqa ta’ kumpens… ħarba… xi xewqat moħbija mhux mitmuma…
  • Wara li tkun osservajt u sirt taf x’hemm fik u madwarek, ressaq kollox quddiem Ġesù sabiex idawwlek bil-verità tiegħu.
  • Tinsiex li ħdejn dak li qed joffrilek Alla, kollox hu mudlam. Għalhekk kun lest li ċċedilu kollox u kull ma jitlob minnek. Ftakar li sejħa hi: Alla qed jitolbok tingħata kontinwament bhal Ġesu lil Alla. Għahekk irid ikollok ħakma fuqek innifsek u tkun maqtugh mill-egoiżmu u l-affarijiet fiergħa tad-dinja.

 

Rizultat

Ritratt tar-ricetta finali ma ghandniex, ghax ma nafux kif ser jahdem f’hajtek! Ghalhekk kun kunfidenti u tiddubitax, għax l-impenn li l-aktar se jħejjik għal dak li Alla jrid minnek se jġiblek paċi interna u hena waqt li thossok f’postok. Il-fedeltà fl-impenn tiegħek se ġġiblek soddisfazzjon u sens ta’ siwi, irrispettivament minn jekk tħossokx qed tkun suċċess. Il-ħidma li twettaq b’kuxjenza tajba se ġġiblek trankwillità u hena. Infatti meta twettaq dak li għalik hu r-rieda ta’ Alla, se ssib hena li tiżboq il-pjaċir kollu li tista’ toffri d-dinja.Fl-aħħarnett, mhux biżżejjed li jkollok l-kwalitajiet kollha u l-motivazzjoni li qed tmexxik. Irid ikun hemm ukoll dik l-“iva” ġeneruża li tingħad bħala risposta għal din is-sejħa ta’ sfida, bir-riskji u l-impenji li tinvolvi. Din l-“iva” trid tgħixha b’mod fidil u ferħan, kull jum, il-jiem kollha ta’ ħajtek.

Dun. Charlon Muscat

Direttur taċ-Ċentru Vokazzjonijiet Djoċesani