Żgur li ħafna huma dawk li xi darba jew oħra semgħu bis-Seminarju. Għal xi wħud is-
Seminarju huwa waħda mill-iskejjel tal-Knisja li tilqa’ studenti mill-ewwel sena tal-primarja
sal-ħames sena fis-sekondarja. Dan nirreferu għalih bħala s-Seminarju Minuri. Jien ser
nitkellem ftit fuq is-Seminarju Maġġuri li fih jilqa’ lil dawk li jkunu qegħdin iħossu s-sejħa
għas-saċerdozju. Għaldaqstant is-Seminarju Maġġuri huwa post ta’ formazzjoni fejn dawk li
jħossu din is-sejħa jgħixu ħajja komunitarja u jsegwu programm ta’ formazzjoni intelletwali,
umana, spiritwali u pastorali. Is-Seminarju huwa l-post fejn żagħżugħ (li jissejjaħ
seminarista), b’kura u b’attenzjoni jagħraf dejjem iżjed xi jrid Alla minnu f’ħajtu u jkompli
jimmatura u jikber fil-ħsieb u l-qalb tiegħu biex iwieġeb b’ġenerożita’ għal din is-sejħa.
Iż-żmien ta’ formazzjoni fis-Seminarju huwa mifrux fuq seba’ snin. L-ewwel tlett snin is-
seminarista, waqt li jkun beda l-istudji tiegħu fil-Filosofija fl-Universita’, isegwi programm ta’
formazzjoni umana u spiritwali akkumpanjat mill-Animaturi u d-Direttur Spiritwali. F’dan iż-
żmien wieħed ikompli jikber fl-għarfien tas-sejħa tiegħu l-ewwel u qabel kollox biex ikun
dixxiplu tal-Imgħallem Ġesu’. Huwa mistenni li wieħed ikompli jkabbar u jikkultiva fih dawk
il-kwalitajiet neċessarji biex verament ikun jista’ jimxi aktar mill-qrib wara Ġesu’.
Fir-raba’ sena s-seminarista jagħmel sena ta’ riflessjoni barra mis-seminarju. Ġeneralment
matul din is-sena wieħed jagħmel esperjenza ta’ xogħol, esperjenza spiritwali bħal per
eżempju irtit personali fit-tul, u esperjenza pastorali/ missjunajra barra minn Malta. Dawn l-
esperjenzi għandhom iservu biex wieħed ikompli jirrifletti u jgħarbel is-sejħa tiegħu.
Jekk wara din is-sena is-seminarista jara li din hija s-sejħa li l-Mulej qiegħed jagħmillu, huwa
jkompli bil-formazzjoni intelletwali tal-istudji tat-Teoloġija meħtieġa biex wieħed ikun jista’
jersaq għall-Ordni Sagri. Ikompli isegwi il-programm ta’ formazzjoni tiegħu umana u
spiritwali u fl-istess waqt ikompli jiżviluppa fih ix-xewqa li barra li jkun dixxiplu ta’ Ġesu’ isir
jixbhu aktar u jinagħqad aktar miegħu ħalli jkun jista’ b’mod liberu joffri ħajtu b’mod sħiħ lil
Alla u jkun jista’ jaqdih fil-Knisja.
Mill-ħames sena ’l quddiem is-seminarista jibda jħejji ruħu aktar mill-qrib. Jiġi ppreżentat
formalment fil-Knisja biex ikun milqugħ bħala kandidat għall-Ordni tad-Djakonat u l-
Presbiterat. Din tissejjaħ il-Kandidatura. Wara jirċievi l-ministeru tal-Lettorat, fejn bħala
lettur huwa jimpenja ruħu li jibni ħajtu aktar fuq il-Kelma ta’ Alla u jħabbarha lill-poplu.
Jirċievi wkoll il-ministeru tal-Akkolitat. Permezz ta’ dan il-ministeru huwa jassiti lis-saċerdot
huwa hu jħejji l-artal għall-Ewkaristija u wkoll iwassal l-istess Ewkaristija lill-insara fil-knisja
jew lill-morda fi djarhom. Dan jitlob minnu li jersaq aktar qrib ta’ Ġesu’ Ewkaristija l-għajn u
l-qawwa tas-saċerdot.
Lejn l-aħħar tas-sitt sena is-seminarista iħejji ruħu biex jirċievi l-ordinazzjoni tad-djakonat
segwita minn esperjenza pastorali f’parroċċa fejn ikun jista’ jeżerċita dan il-ministeru ta’
djaknu. Wara sena bħala djaknu jiġi ordnat saċerdot.
Għal minn iħoss din is-sejħa u jixtieq li jibda l-formazzjoni fis-seminajru importanti li jagħmel
kuntatt mad-Direttur taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet li permezz ta’ laqgħat ma’ żgħażagħ oħra
u permezz ta’ direzzjoni personali jgħinu jagħraf aħjar u jgħarbel is-sejħa li jkun qiegħed
iħoss ġewwa fih. Meta jkun il-waqt, id-Direttur ikun jista’ jgħinu jippreżenta t-talba tiegħu u
eventwalment jibda l-proċess ta’ screening biex ikun jista’ jibda s-seminarju. Huwa meħtieġ

li wieħed ikollu iċ-ċertifikati meħtieġa biex bihom ikun jista’ jibda kors fl-Universita’.
Seminarista ikun irid isegwi programm ta’ studju fil-Filosofija u t-Teoloġija, għaldaqstant
wieħed ikun irid iħejji ruħu għal dan l-istudju.
Kelma tal-aħħar – u nħoss li huwa mportanti li ngħid dan – iż-żmien tas-seminarju u ż-żmien
preparatorju iħalli frott f’dak li jkun daqs kemm wieħed jitrawwem f’ħajja ta’ talb u
riflessjoni. Alla jkellimna f’qalbna f’dawk il-waqtiet li aħna niddedikaw għalih fit-talb u s-
skiet. Dawn iż-żewġ kwalitajiet iridu jkunu preżenti fil-persuna kemm qabel wieħed jidħol is-
seminarju u wisq iżjed fiż-żmien li wieħed ikun qiegħed fil-formazzjoni fis-seminarju. It-talb u
r-riflessjoni huwa il-binarju li fuqu wieħed għandu jmexxi ħajtu jekk irid ikun qaddej ta’
Ġesu’ Saċerdot u tal-Knisja tiegħu.

Fr Albert Buhagiar