Il-qassis hu sinjal tat-tjieba ta’ Alla. Il-Mulej Ġesu’ jiddobba bil-persuna tal-qassis biex ifejjaq, igħallem, jiggwida, ifarraġ, iħenn, iwissi, idawwal. Permezz tal-persuna tal-qassis il-Mulej Ġesu’ ifakkarna, b’mod mill-iżjed ħaj, li qatt ma aħna waħedna. Dan għaliex il-qassis hu l-preżenza ħajja ta’ Ġesu’ fostna. U dan għaliex ukoll, permezz tal-qassis, għandna l-Ewkaristija … don tassew straordinarju!! Permezz tal-qassis għandna wkoll l-maħfra tad-dnubiet … don ieħor tassew straordinarju!!

 

Il-qassis qatt ma hu perfett … hu bniedem li jiżbalja u għandu d-difetti tiegħu. Il-miraklu hu li Ġesu’ jaħdem permezz tal-qassis biex ikun preżenti b’mod sagramentali fost il-poplu tiegħu. Meta l-qassis iħares lejh innifsu jaf li dan hu miraklu tat-tjieba ta’ Alla għax jaf, hu u jqaddes, li hu mhux qaddis bħal Alla; jaf, hu u jaħfer id-dnubiet, li hu wkoll midneb; jaf, hu u jamministra l-griżma tal-morda, li hu wkoll marid almenu b’mard spiritwali; jaf, hu u jipprietka, li hu wkoll għandu bżonn tal-Kelma; jaf, hu u jmexxi lill-oħrajn, li hu wkoll għandu bżonn min igħinu jimxi ‘quddiem. F’kull ma jagħmel, il-qassis jagħraf dejjem iżjed li d-don straordinarju tas-saċerdozju jingħata biex hu jkun ta’ servizz għall-oħrajn. L-ordinazzjoni tiegħu tagħmlu xbieha vera tal-Qalb ta’ Ġesu’ għall-oħrajn.

 

U l-qassis jara mirakli tat-tjieba ta’ Alla jiġru quddiemu. F’dan is-sens hu pprivileġġat għax ikun jista’ jara l-għeġubijiet li jagħmel Alla fil-ħajja ta’ ħafna; għeġubijiet li bosta drabi jiġru fis-skiet u fil-moħbi. U l-qassis jagħraf dejjem iżjed li hu Alla li jaħdem permezz tiegħu. Jinduna li b’kelma sempliċi, jew b’talba żgħira, jew billi jisma’ lil xi ħadd b’imħabba, isir tant u tant ġid … ġid tant kbir li ma jistax ikun li jkun hu li għamlu imma li dan hu ġid li jagħmlu Alla. U iżjed ma jgħaddi ż-żmien, iżjed il-qassis jinduna li l-missjoni tiegħu tfisser ukoll li jitlob ħafna għan-nies fdati f’idejh u li joffri ħajtu għalihom b’sagrifiċċċju ta’ mħabba … offerta li tingħaqad ma’ dik ta’ Ġesu’ li l-qassis hu ħaġa waħda miegħu.

 

Li tkun qassis tfisser li tkun magħqud iżjed u iżjed ma’ Ġesu’ fil-missjoni tiegħu. Hi ħajja mill-isbaħ. Hi ħajja li fiha tara l-ħidma straordinarja ta’ Alla madwarek. Staqsi lil Ġesu’ jridekx tkun qassis!

 

Fr Mark Sultana