Sidna Ġesu Kristu għamel is-sagrament tal-Ordni Sagri, biex dawk li Huwa jsejjaħ, ikunu kkonsagrati djakni, saċerdoti u isqfijiet. Is-saċerdoti jistgħu jkunu ta’ żewġ kwalitajiet differenti: saċerdoti reliġjużi jew saċerdoti djoċesani. Is-saċerdoti reliġjużi huma dawk li normalment insejħulhom patrijiet. Dawn jirċievu l-kariżma tal-ħajja konsagrata billi jgħixu l-voti tal-faqar, kastita’ u ubbidjenza f’komunita’ li tissejjaħ Ordni Reliġjuż. Kull Ordni jkollu l-kariżma tiegħu ukoll, jiġifieri aspett mill-Evanġelju li l-membri jgħixu l-aktar fil-fond biex jagħmlu s-saltna ta’ Alla magħrufa. Insemmu eżempji biex niftehmu aħjar: l-Agostinjani għandhom il-kariżma tal-għaqda u komunjoni; u l-Franġiskani jgħixu l-kariżma tal-Faqar.

It-tieni kategorija ta’ saċerdoti huma dawk djoċesani. Dawn normalment insejħulhom qassissin. Dawn huma marbuta ma’ djoċesi u għalhekk jissejjħu saċerdoti djoċesani. Fl-ordinazzjoni tiegħu, saċerdot djoċesan jieħu ġurament ta’ ubbidjenza lejn l-isqof tiegħu, u jkun marbut li jaqdi bħala saċerdot f’dik id-djoċesi. Is-saċerdot reliġjuż, fl-ordinazzjoni tiegħu, jieħu vot ta’ ubbidjenza lejn is-superjur fl-Ordni tiegħu u jkun marbut ma’ dik l-Ordni u jkun jista’ jintbaghat jaqdi f’kull pajjiż fejn hemm l-Ordni.

Xi wħud jistgħu jaħsbu li allura l-ħajja saċerdotali tal-qassis u tar-reliġjuż ma jiltaqgħux. Dan mhux hekk. Il-qassis huwa marbut direttament mal-isqof u jaqdi fid-djoċesi fejn jibgħatu l-isqof. Ir-reliġjuż huwa marbut direttament mas-superjur tiegħu u jaqdi fejn jibgħatu s-superjur tiegħu. Imma meta r-reliġjuż ikun qed jaqdi lis-superjur f’ħidma pastorali, dan ikun ukoll taħt it-tmexxija tal-Isqof. Ħa nagħti eżempju konkret. Huwa s-superjur li jibgħat reliġjuż biex jaqdi f’parroċċa mmexxija mir-reliġjużi. U waqt li jkun f’dik il-parroċċa, ir-reliġjuż, bħall-qassis, jimxi mal-gwidi tal-isqof.

Qassis jista’ jmur jaqdi bħala saċerdot barra minn pajjiżu, jew huwa marbut mad-djoċesi tiegħu biss? Żgur li le. L-isqfijiet għandhom komunjoni bejniethom biex jieħdu ħsieb il-knisja universali u mhux kull wieħed huwa moħħu fid-djoċesi tiegħu biss. Allura qassis jista’ jitlob lill-isqof tiegħu biex jagħtih permess ħalli jmur jaqdi fi djoċesi oħra. Fil-fatt għandna numru sabiħ ta’ qassisin Maltin li qed jaqdu f’artijiet tal-missjoni u artijiet oħra. Fil-passat kellna ħafna aktar.

X’inhi l-kariżma jew l-identita’ tal-qassis? Din hija dik li ngħidulha il-ġeneralita’, din tfisser li l-qassis huwa msejjaħ biex ikun general practioner fil-pastorali. Dan ma jfissirx li l-qassis ma jistax ikun speċjalizzat f’xi qasam. Għandna bosta qassisin li huma speċjalizzati f’oqsma tal-pastorali jew tat-tagħlim, bħall-Iskrittura, Bioetika, pastorali tal-familja, pastorali taż-żgħażagħ u oħrajn. Imma jfisser li l-isqof huwa responsabbli tal-ħidma pastorali ġenerali fid-djoċesi, u jrid bis-saċerdoti tiegħu, jimla l-vojt li jkun hemm f’kull qasam partikolari tal-pastorali. Ħafna drabi, l-isqof jafda xi qasam f’idejn Ordni Reliġjuż ukoll. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II jgħidha b’mod ċar ħafna: “il-ministeru u l-ispiritwalita’ tas-saċerdot djoċesan tibqa’ dik li jkun ir-ragħaj ta’ kulħadd. Mhux biss huwa r-ragħaj permanenti, lest li jgħin lil kulħadd, imma huwa jippresiedi fuq il-komunita’ sħiħa biex kulħadd iħossu milqugħ fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, tkun xi tkun ir-reliġjożita’ jew l-impenn pastorali” (Pastores Dabo Vobis, 68).

Dun Anton Gouder