L-Insara mhux biss jemmnu f’Ġesù u Alla, imma jemmnu tagħlim definittiv dwarhom. Li l-bniedem ikollu l-fidi tfisser li jafda f’Alla. Il-fidi toħodna lura għal Abraham. Alla għamel wegħda lil Abraham, u dan, għax kellu l-fidi f’Alla, emmnu, u baqa’ jittama sakemm il-wegħda li għamillu Alla seħħet. Il-fidi baqgħet xi ħaġa ħajja fost il-Lhud, infatti fi żmien Ġesù, id-dixxipli ma sabuhiex diffiċli biex jemmnu fih. U għal Ġesù , il-fidi kienet element importanti, u għamel mirakli biss ma nies li wrew il-fidi fih. Kemm il-darba Ġesù meta jfejjaq jigħd: “Il-Fidi tiegħek salvatek!” Id-Dixxipli kollha fehmu li Ġesù kien xi ħadd speċjali, b’awtorità, li jista’ jagħmel il-mirakli u jfejjaqhom mill-mard tagħhom, jew jgħinhom fl-inkwiet li kellhom. L-Evanġelisti joħorġu dawn il-punti b’mod ċar

Meta Alla ħalaq lill-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu, naqqax fil-qalb tal-bniedem ix-xewqa ta’ Alla stess. Għax il-bniedem inħalaq minn Alla u għal Alla. Min-natura tiegħu, il-bniedem hu ħlejqa reliġjuża. Hu kapaċi jidħol f’komunikazzjoni ma’ Alla, u din l-għaqda intima u vitali ma’ Alla tagħti lill-bniedem id-dinjità fundamentali tiegħu. Din ix-xewqa hija ta’ spiss injorata. Dan minħabba diversi raġunijiet, fosthom, protesta qawwija kontra d-deni li hawn fid-dinja, injoranza u indifferenza reliġjuża, ġibda lejn affarijiet materjali li toffri din id-dinja, eżempji ħżiena li naraw mill-proxxmu, kurrenti ta’ fehmiet kontra r-Reliġjon, jew minħabba il-qagħda tal-midneb li għax jibża, jistaħba minn Alla jew jaħrab mis-sejħa tiegħu. Iżda minkejja dan, Alla ma jieqafx jiġbed lill-bniedem lejh, biex jgħix u jsib fih skop f’ħajtu

Il-fidi hi tweġiba tagħna l-bnedmin għas-sejħa li Alla għamlilna biex inkunu f’relazzjoni miegħu. Li jkollna l-fidi tfisser li nagħtu lilna nfusna kompletament (qalbna, moħħna, dak li nagħmlu/għemil) lil Alla. Tfisser ukoll li nemmnu fit-tagħlim tal-Knisja u nkunu parti minnha. Il-Knisja Kattolika tgħallem li l-fidi għandha dawn il-karatteristiċi

  • Il-fidi hija grazzja. Ma kienx il-bniedem li beda ir-relazzjoni ma’ Alla iżda kien Alla li ħa l-inizzjattiva li jidħol f’relazzjoni mal-bnedmin meta irrivelalna lilu nnifsu. Il-bniedem għandu bżonn l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex jifhem u jaċċetta din l-istedina mingħand Alla. Meta Pietru stqarr li Ġesù hu l-Messija, Ġesù wieġbu li “Mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 16:17). Dan ifisser li Pietru fehem li Ġesù hu l-Messija bl-għajnuna ta’ Alla, l-Ispirtu s-Santu.
  • Il-fidi hi ċerta minn dak li temmen. Hija ċerta għax mibnija fuq il-Kelma t’Alla. Għalkemm ċerti veritajiet rivelati ma nifmuhomx, għandu jkollna fidi f’Alla u nemmnuhom xorta, u mhux noqogħdu fuq dak li nifmgħu bir-raġuni biss.
  • Il-fidi tfittex li tifhem. Li jkollna fidi konvinta jfisser li nagħmlu ħilitna biex nifhmu aħjar dak li jgħallimna Alla dwaru. B’hekk, iktar ma nifmhu, iktar ikollna fidi soda, u iktar ma jkollna fidi soda, iktar nifhmu. Dan il-proċess jgħina nimxu aħjar wara Kristu.
  • Il-fidi mhux kontra x-xjenza. Alla ħalaq żewġ realtjiet, li huma r-realtà fiżika u r-realtà spiritwali. L-id ta’ Alla narawha kemm fid-dinja fiżika (ħolqien, affarijiet sbieħ tan-natura, perfezzjoni eċċ,) u kemm fid-dinja spiritwali. Jekk riċerka xjentifika timxi man-norma morali qatt ma tista’ tkun kontra l-fidi.
  •  Il-fidi twassalna għas-salvazzjoni. Salvazzjoni tfisser li nirranġaw ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla kif kienet fil-bidu biex inkunu nistgħu ngawduh għal dejjem. Aħna għandna bżonn il-fidi biex insalvaw. Min ma jemminx f’Alla ma jistax isalva. Alla dejjem lest li jaħfrilna u jaċċettana lura.
  • Il-fidi hi l-bidu tal-ħajja ta’ dejjem. Il-fidi iddewwaqna ftit mill-Ġenna għax permezz tagħha, inkunu nistgħu ngawdu lil Alla minn qabel. Permezz tal-fidi, aħna naraw lil Alla “bħallikieku f’mera, imċajpar” (1 Kor 13:12).

Il-fidi tista’ tgħaddi minn prova. Id-dinja tagħna ma tantx tgħina nissaħħu fil-fidi u xi kultant tagħti l-impressjoni illi Alla u l-ħajja ta’ dejjem huma il-bogħod wisq minnha. Anke it-tbatija, l-inġustizzji u il-mewt ifixklu il-fidi u jġiegħluna niddubitaw. Għalhekk aħna nagħmlu tajjeb meta nduru lejn nies li huma xhieda fil-fidi, għax huma ta’ eżempju kbir għalina l-insara.