Tista tara id-diskors fil-forma ta’ filmat billi tikklikkja hawn.

KLIEM IL-QDUSIJA TIEGĦU QABEL IT-TALBA

Issa, kulħadd skont il-fidi li jistqarr, bid-dubji personali, b’dak li jħoss f’qalbu, jaħseb f’Alla, jaħseb fil-bżonn ta’ Alla, jaħseb fid-dubju li għandu (jekk hemmx Alla….) jaħseb dwar il-kuxjenza tiegħu u jitlob il-barka u t-tjubija fuqna lkoll.  Ammen.

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Għeżież żgħażagħ, il-jum it-tajjeb!

Insellem lill-15,340 kollha!  Nittamaw li għada, f’dan il-kollokwiju tagħna, l-għadd ikun akbar biex noħorġu dak kollu li intom u aħna għandna fi qlubna.  Nitkellmu bil-kuraġġ.  Ming]ajr mistħija, hux hekk.  Hawnhekk il-mistħija nħalluha wara l-bieb.  Nitkellmu bil-kuraġġ: dak li nħoss ngħiduh u jekk xi ħadd jieħu għalih, nitlob skuża u nibqa’ għaddej.  Intom tafu titkellmu hekk.  Imma jeħtieġ li nisimgħu bl-umiltà.  Jekk ikun qed jitkellem xi ħadd li ma jogħġobnix, għandi nisimgħu b’aktar attenzjoni, għax kulħadd għandu dritt li jkun mismugħ, daqskemm kulħadd għandu dritt li jitkellem.

Grazzi tallli aċċettajtu l-istedina biex tiġu hawn.  Uħud minnkom kellhom jagħmlu vjaġġ twil.  Filwaqt li oħrajn, minflok marru jorqdu – għax f’pajjiżhom hu ħin l-irqad – huma kollegati magħkom.  Se jgħaddu l-lejl jisimgħu.  Intom ġejjin minn bosta nħawi tad-dinja u magħkom qed iġġibu varjetà sħiħa ta’ popli, kulturi u reliġjonijiet ukoll: mhux ilkoll intom Kattoliċi jew Insara, u lanqas ilkoll intom nies li jemmnu, imma żgur li qalbkom imħeġġa bix-xewqa li tagħtu l-aħjar tagħkom.  U jien m’għandi ebda dubju dwar dan.  Insellem ukoll lil dawk li se jidħlu f’kollegament, jew li diġà jinsabu magħna: grazzi tal-kontribut tagħkom.

Irrid irrodd ħajr b’mod speċjali lis-Segreterija tas-Sinodu, il-Kardinal Segretarju, l-Arċisqof Segretarju u kulħadd, dawk kollha li jaħdmu fis-segreterija tas-Sinodu.  Ħadmu sfiq għal dan u kellhom ħila joħolqu affarijiet bi kreattività kbira ħafna.  Grazzi ħafna, Kardinal Baldisseri, u l-kollaboraturi tiegħek kollha.

Intom mistednin għax il-kontribut tagħkom huwa indispensabbli.  Neħtiġukom biex inħejju s-Sinodu li f’Ottubru se jġib flimkien lill-Isqfijiet biex jiddiskutu t-tema: Iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali.  F’tant mumenti tal-istorja tal-Knisja, l-istess bħalma naraw f’bosta episodji Bibliċi, Alla ried jitkellem permezz taż-żgħażagħ: qed naħseb, per eżempju, f’Samwel, f’David u f’Danjel.  Lili togħġobni ħafna l-istorja ta’ Samwel, meta jisma’ leħen Alla.  Il-Bibbja tgħid: “F’dak iż-żmien ma kienx hemm id-drawwa li jsimigħu leħen Alla. Il-poplu kien imħawwad”.  Kellu jkun żgħażugħ li jiftaħ dak il-bieb.  Fil-mumenti diffiċli, il-Mulej imexxi l-istorja ‘l quddiem permezz taż-żgħażagħ.  Huma jgħidu l-verità, ma jistħux.  Ma ngħidx li “wiċċhom qiegħed” imma ma jibżgħux, u jgħidu l-verità.  U David żgħażugħ jibda b’dak il-kuraġġ.  Bi dnubietu wkoll.  Għax hija ħaġa interessanti, ebda wieħed minn dawn ma twieled qaddis, ma tweldux ġusti, mudelli għall-oħrajn.  Huma kollha rġiel u nisa midinbin imma li ħassew ix-xewqa li jagħmlu xi ħaġa tajba.  Alla mbuttahom u baqgħu mexjin ‘il quddiem.  U dan hu sabih ħafna.  Aħna nistgħu ngħidu: “Dawn huma affarijiet għal min hu ġust, għas-saċerdoti u għas-sorijiet”.  Le, huma għal kulħadd.  U għalikom iż-żgħażagħ aktar u aktar, għax għandkom il-forza li tgħidu l-affarijiet, li tħossuhom, li tidħku, u wkoll li tibku.  Bosta drabi, bosta drabi, aħna l-adulti insejna kif nibku, drajna: “id-dinja hekk hi magħmula u għalhekk…. jirranġaw huma”.  U nibqgħu mexjin.  Għaldaqstant inħeġġiġkom, jekk jogħġobkom: kunu kuraġġużi f’dawn il-jiem, għidu dak kollu li jiġikom f’moħħkom; u jekk tiżbalja, xi ħadd ieħor jikkoreġik.  Imma ibqgħu għaddejjin, bil-kuraġġ!

1. Wisq spiss nitkellmu dwar iż-żgħażagħ mingħajr ma nħallu lilhom jinterpellawna.  Meta xi ħadd ikun irid jagħmel kampanja jew xi ħaġa oħra, allura ħafna tifħir liż-żgħażagħ, mhux hekk isir?, imma ma jħallux liż-żgħażagħ jinterpellaw.  It-tifħir hu mod kif tpaxxi lin-nies.  Imma n-nies mhumiex boloħ jew stupidi.  Le, mhumiex hekk.  In-nies tifhem.  L-injoranti biss ma jifhmux.  Bl-ispanjol hemm proverbju sabih ħafna li jgħid: “Faħħar lill-iblaħ u tarah jaħdem”.  Ittih daqsxejn ta’ daqqa fuq spalltu u jkun ferħan, għax iblaħ, ma jindunax.  Imma intom m’intomx boloħ! Anki l-aktar analiżi tajba dwar id-dinja taż-żgħażagħ, minkejja li huma ta’ siwi – huma utli -, ma jeħdux post il-ħtieġa tal-laqgħa wiċċ imb’wiċċ.  Jitkellmu dwar iż-żgħażagħ tal-lum.  Fittxu ftit, anki għall-kurżità, f’kemm artikli, konferenzi, jitkellmu dwar iż-żgħażagħ, illum.  Nixtieq ngħidilkom ħaġa: iż-żgħożija ma teżistix!  Jeżistu ż-żgħażagħ, stejjer, uċuħ, ħars, illużjonijiet.  Jeżistu ż-żgħażagħ.  Faċli titkellem dwar iż-żgħożija.  Isiru ħafna astrazzjonijiet, perċentaġġi… Le, wiċċek, qalbek xi jgħidu?  Niddibattu, nisimgħu liż-żgħażagħ.  Xi drabi, evidentement, mhux intom, iż-żgħażagħ ma jkunx jistħoqqilhom isssssl-Premju Nobel għall-prudenza.  Le, xi drabi jitkellmu “bid-daqqiet ta’ ħarta”.  Hekk hi l-ħajja, imma jeħtieġ nisimgħuhom.

Hemm min jaħseb li jkun tajjeb lil jżommukom “bogħod biżżejjed biex ma tagħmlux ħsara”, ħalli intom ma tipprovokawx.   Imma mhux biżżejjed li tibgħat xi messaġġ jew li taqsam ma’ xi ħadd xi ritratt ħelu.  Liż-żgħażagħ irridu neħduhom bis-serjetà!  Jidhirli li aħna mdawwrin b’kultura illi, jekk min-naħa liż-żgħożija tagħmilha idolu u tipprova ma tħalliha tgħaddi qatt, min-naħa l-oħra teskludi lil ħafna żgħażagħ biex ma tħallihomx ikunu protagonisti.  Hi l-filosofija tal-ingann.  In-nies jikbru u jippruvaw jagħmlu l-”make-up’ biex jidhru żgħażagħ, imma liż-żgħażagħ ma jħalluhomx jikbru.  Dan komuni ħafna.  Għaliex?  Għax ma jħalluhomx jinterpellaw.  Huwa importanti.  Spiss intom tkunu emarġinati mill-ħajja pubblika ordinarja u ssibu ruħkom tittalbu x-xogħol li ma jiggarantilkomx l-għada.  Ma nafx jekk dan jiġrix fil-pajjiżi kollha tagħkom imma jiġri f’ħafna….  Jekk mhux qed niżbalja r-rata tal-qagħad fost iż-żgħażagħ minn 24 sena ‘l fuq, hawn fl-Italja, hi qrib il-35%.  F’pajjiż ieħor tal-Ewropa, konfinanti mal-Italja, 47%.  F’pajjiż Ewropew ieħor, qrib l-Italja, aktar minn 50%.  X’jagħmel iż-żgħażugħ li ma jsibx xogħol?  Jimrad – id-dipressjoni -, jispiċċa bid-dipendenzi, jagħmel suwiċidju – ta’ tħassib: l-istatistika tas-suwiċidji fost iż-żgħażagħ huma kollha qarrieqa, kollha , toħloq ir-ribell – li hu għamla oħra ta’ suwiċidju – jew jaqbdu l-ajruplan u jmorru f’belt li marridx insemmiha u jinkitbu fl-Isis  jew f’xi moviment ieħor tal-gwerillieri.  Għallanqas b’hekk isibu sens biex jgħixu u jkollhom paga għaddejja kull xahar.  U dan hu dnub soċjali!  Is-soċjetà hi responsabbli ta’ dan.  Imma jien irrid li tkunu intom li tgħidu x’inhuma r-raġunijiet, l-għaliex, u mhux tgħidu: “Lanqas jien ma naf għaliex”.  Kif tgħixuh intom dan id-dramm?  Jgħinna ħafna (jekk tgħidulna).  Spiss wisq jitilqukom għal riħkom.  Imma l-verità hi wkoll li intom bennejja tal-kultura, bl-istil tagħkom u l-oriġinalità tagħkom.  Ibegħedukom relattivament għax intom għandkom ħila tibnu kultura li forsi ma tidhirx, imma li timxi ‘l quddiem.  Dan hu l-ispazju li rridu aħna biex nisimgħu l-kultura tagħkom, dik li qed tibnu intkom.

Jien konvint li fil-Knisja m’għandux ikun hekk: nagħlqulkom il-bieb, ma nisimgħux.  Jitlob dan minna l-Evanġelju: il-messaġġ tal-qrubija tiegħu jistedinna biex niltaqgħu, nikkonfrontaw lil xulxin, nilqgħu lil xulxin u nħobbu lil xulxin bis-serjetà, nimxu flimkien u naqsmu ma’ xulxin mingħajr biża’.  U din il-laqgħa pre-sinodali trid tkun sinjal ta’ xi ħaġa kbira: ir-rieda tal-Knisja li tibda tisma’ liż-żgħażagħ kollha, mingħajr esklużjoni ta’ ħadd.  U dan mhux biex issir il-politika.  Mhux biex ikun hemm xi “giovano-filia” artifiċjali, le, imma għax jeħtieġ li nifhmu aħjar dak li qed jitolbu minna Alla u l-istorja.  Jekk intom tkunu neqsin, minna tkun nieqsa xi ħaġa li tressaqana lejn Alla.

2. Is-Sinodu li jmiss għandu l-għan partikolari li jiżviluppa l-kundizzjonijiet meħtieġ sabiex iż-żgħażagħ ikunu akkumpanjati bil-passjoni u l-kompetenza fid-dixxerniment vokazzjonali, jiġifieri biex “jagħrfu u jilqgħu s-sejħa għall-imħabba u għall-ħajja fil-milja tagħha” (Dokument ta’ tħejjija, Introduzzjoni).  Ilkoll kemm aħna għandna din is-sejħa.  Intom, fil-fażi tal-bidu, għadkom żgħażagħ.  Din hi ċ-ċertezza kollha: Alla jsejjaħ lil kull wieħed u waħda u kull wieħed u waħda jwieġbu għas-sejħa personalment.  Huwa rigal li meta nsibuh, jimliena bil-ferh (cfr Mattew 13,44-66).  Ibqgħu żguri minn dan: Alla għandu fiduċja fikom, iħobbkom u jsejħilkom.  U min-naħa tiegħu qatt ma jonqos minn kelmtu għax Hu fidil u jemmen fikom bis-serjetà.  Alla hu fidil.  Lil dawk li jemmnu ngħidlihom: “Alla hu fidil”.  Qed jagħmlilkom l-istess mistoqsija li kien għamel lill-ewwel dixxipli: “X’qed tfittxu?” (Ġw 1,38).  F’dal mument jien ukoll nagħmlilkom il-mistoqsija, lil kull wieħed u waħda minnkom: “X’qed tfittex?”  Inti x’qed tfittex fil-ħajja?”  Għidlina u jagħmlilna tajjeb li nisimgħuk.  Tkellem.  Aħna dan għandna bżonn: li nisimgħu liema hi l-mixja tagħkom fil-ħajja.  X’qed tfittex?  Qed jistedinkom taqsmu miegħu dak li qed tfittxu fil-ħajja, biex timxu flimkien.  U aħna, nixtiequ nagħmlu l-istess, għax ma nistgħux nagħmlu mod ieħor ħlief li naqsmu magħkom b’entużjażmu it-tfittxija tal-veru hena ta’ kull wieħed u waħda; u lil Dak li bidlilna ħajjitna: lil Ġesù, ma nistgħux inżommuh kollu għalina biss.  Min hu tamparkom, ħbiebkom, forsi mingħajr ma jafu, wkoll qed jistennew sejħa għas-salvazjzoni.

3. Is-Sinodu li jmiss se jkun ukoll appell lill-Knisja sabiex tiskopri mill-ġdid id-dinamiżmu żgħażugħ imġedded. Irnexxieli naqra ftit “emails” tal-kwestjonarju li s-Segreterija tas-Sinodu qiegħdet fuq l-internet u laqatni l-appell li għamlu diversi żgħażagħ li qed jitolbu lill-adulti jkunu qribhom u jgħinuhom fl-għażliet importanti.  Tfalja minnhom osservat li ż-żgħażagħ m’għandhomx punti ta’ riferiment u li ħadd ma jixprunahom biex iħaddmu r-riżorsi  li għandhom.  Imbagħad, minbarra l-aspetti pożittivi tad-dinja taż-żgħażagħ, saħqet ukoll dwar il-perikli, fosthom l-akool, id-droga, is-sesswalità mgħejxa b’mod konsumistiku.  Dawn huma dipendenzi, mhux hekk?  U temmet kważi b’għajta: “Għinu lid-dinja tagħna taż-żgħażagħ li dejjem qiegħda titfarrak”.  Ma nafx jekk id-dinja taż-żgħażagħ hix tibqa’ titfarrak dejjem aktar, ma nafx.  Imma nħoss li l-għajta ta’ dit-tfajla hija sinċiera u għandha tingħata attenzjoni.  Huwa għalikom li tweġbuha lil dit-tfajla, li titkellmu magħha.  Hi waħda minnkom u jeħtieġ nifhmuha din “id-daqqa ta’ ħarta żgħira” li qed ittina, fejn se twassalna.  Fil-Knisja wkoll hemm bżonn nitgħallmu metodi ġodda ta’ kif inkunu preżenti u qrib.  Importanti ħafna.  Jiġini f’moħħi meta Mosè jrid jgħid lill-poplu t’Alla liema hu l-qofol tal-imħabba t’Alla.  U jgħid: “Aħsbu ftit: liema poplu qatt kellu alla tiegħu daqstant qrib?”.  L-imħabba hi qrubija u huma, iż-żgħażagħ tal-lum, jitolbu qrubija mill-Knisja.  Intom l-Insara, intom li temmnu fil-qrubija ta’ Kristu, intom Kattoliċi, kunu qrib mhux bogħod.  U intom tafu li hemm ħafna u ħafna modi kif wieħed jitbiegħed, ħafna.  Edukaw lil kulħadd, bl-ingwanti bojod, imma bogħod biżżejjed biex ma tħammġux idejkom.  Iż-żgħażagħ tal-lum jitolbuna l-qrubija: mal-Kattoliċi, mal-Insara, ma’ min jemmen u ma’ min ma jemminx.  Ma’ kulħadd.  U dwar dan, żagħażugħ irrakkonta b’entużjażmu kif ħa sehem f’xi wħud minn dawn il-laqgħat b’dan il-kliem:  hekk jgħid: “L-aktar ħaġa importanti kienet il-preżenza tar-reliġjużi fostna ż-żgħażagħ, bħala ħbieb li jisimgħu, li jafuna u li jtuna parir”.  Irġiel u nisa konsagrati li huma qrib.  Jisimgħu, jafu, u lil min jitlob parir, ituhulu.  Jien naf uħud minnkom li dan jagħmluh.

Jiġini f’moħħi l-eżempju meraviljuż tal-Messaġġ liż-żgħażagħ tal-Konċilju Vatikan II.  Illum ukoll dan iservi bħala stimolu biex nitqabdu kontra kull egoiżmu u bil-kjuraġġ nibnu dinja aħjar.  Hu stedina biex infittxu toroq ġodda u nterrquhom bil-kuraġġ u l-fiduċja filwaqt li nżommu ħarsitna fissa fuq Ġesù u miftuħin għall-Ispirtu s-Santu, ħalli l-istess wiċċ tal-Knisja nagħmluh aktar żgħażugħ.  Għaliex hu f’Ġesù u fl-Ispirtu li l-Knisja ssib il-forza biex tiġġedded dejjem billi tirrevedi ħajjitha u tara kif qed tippreżenta ruħha, billi titlob skuża għad-dgħufijiet tagħha u l-insuffiċjenza tagħha, bla ma tqis l-enerġija biex tkun ta’ servizz għal kulħadd, bl-għan waħdieni li tkun fidila għall-missjoni li afdalha l-Mulej: li tgħejx u tħabbar l-Evanġelju.

4. Għeżież żgħażagħ, il-qalb tal-Knisja hija żgħażugħa propju għax l-Evanġelju hu l-mediċina vitali li tirriġeneraha ‘l ħin kollu.  Hu għalina li nkunu doċli u nikkoperaw f’dil-fekondità. U intom ilkoll tistgħu tikkollaboraw f’dil-fekondità tagħna: kemm jekk intom Kattoliċi jew ta’ reliġjonijiet oħra, jew li ma temmnux.  Nitolbukom tikkollaboraw f’dil-fekondità tagħna, biex ittuha l-ħajja.  Se nagħmlu dan waqt il-mixja Sinodali wkoll, x’ħin naħsbu fir-realtà taż-żgħażagħ tad-dinja kollha.  Għandna bżonn nerġgħu nagħmlu tagħna l-entużjażmu tal-fidi u l-gost tar-riċerka. Jeħtieġ li fil-Mulej, insibu mill-ġdid il-forza biex nerġgħu nqumu mill-fallimenti tagħna, nibqgħu mexjin ‘il quddiem,  insaħħu l-fiduċja fil-futur.  U hemm bżonn li “nażżardaw” infittxu mogħdijiet ġodda.  Toqgħodux tibżgħu: ażżardaw, fittxu mogħdijiet ġodda, anki jekk dan fih ir-riskju.  Raġel, mara li ma jirriskjawx, ma jimmaturawx.  Istituzzjoni li tagħmel għażliet li ma fihomx riskju, tibqa’ tifla, ma tikbirx.  Irriskjaw, mgħammrin bil-prudenza, bl-għaqal, imma ibqgħu mexjin ‘il quddiem.  Tafu x’jiġrilu ż-żgħażugħ li ma jirriskjax?  Jixjieħ!  Jispiċċa pensjonant ta’ 20 sena!  Iż-żgħażugħ jixjieħ u l-Knisja tixjieħ ukoll.  Ngħidha b’qalbi mnikkta.  Kemm drabi nsib komunitajiet Insara, anki ta’ żagħażagħ, li huma xjuħ.  Xjieħu għax beżgħu.  Beżgħu minn xiex?  Li joħorġu, li joħorġu lejn il-periferiji eżistenzjali tal-ħajja, li jmorru fejn hemm il-futur fin-nofs.  Ħaġa hija l-prudenza, li hi virtù, imma l-biża’ hu xi ħaġa oħra. Neħtieġu lilkom żgħażagħ, ġebel ħaj ta’ Knisja b’wiċċ żgħażugħ, iżda mhux bil-”make-up”, kif għidt: mhux aktar żgħażugħ artifiċjalment, imma mkebbes mill-ġdid minn ġewwa.  U intom provokazzjoni għalina biex noħorġu mill-loġika ta’: “dejjem hekk sar”.  Dik il-loġika, jekk jogħġobkom, hi velenu.  Hija velenu “ħelu”, għax jikkalma r-ruħ u jħallik qiesek illuppjat, ma jħallikx timxi.  Noħorġu mil-loġika ta’ “dejjem hekk sar”, biex, b’mod kreattiv nibqgħu fir-radda tat-Tradizzjoni Kristjana awtentika, imma kreattiva.  Jien lill-Insara nirrikmandalhom li jaqraw il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli: il-kreattività ta’ dawk in-nies.  Dawk in-nies għarfu jimxu ‘l quddiem bi kreattività li jekk illum nagħmlu traduzzjoni ta’ dak li tfisser, tbeżżgħana!  Intom toħolqu kultura ġdida, imma attenti: dil-kultura ma tistax tkun “bl-għeruq maqlugħin”  Pass ‘il quddiem, imma li jħares lejn l-għeruq!  Terġax lura lejn l-għeruq għax tispiċċa taħt l-art: agħmel pass ‘il quddiem, imma dejjem marbut mal-għeruq.  U l-għeruq – dan, aħfruli, inżommu dejjem f’qalbi – huma x-xjuħ, huma x-xjuħ bravi.  L-għeruq huma n-nanniet.  L-għeruq huma dawk li għexu ħajjithom u li dil-kultura tal-iskart qed twarrabhom, ma jiswewx, tibgħathom ‘il barra.  Ix-xjuħ għandhom dil-kariżma li jġorru magħhom l-għeruq.  Tkellmu max-xjuħ.  “Imma x’naqbad ngħid?”  Ipprova!  Niftakar li darba, fi Buenos Aires, jien u nitkellem maż-żgħażagħ kont għidt: “ Għax ma tmorrux f’xi dar tal-anzjani ddoqqu l-kitarra lix-xjuħ li jkunu qiegħdin hemm?” – “Imma, Padre…”.  “Morru, għal siegħa biss”.  (U baqgħu hemmhekk sagħtejn!  Ma ridux jitilqu, għax ix-xjuħ li kienu hekk Ijagħmel mossa b’rasu), (nofshom reqdin), semgħu l-kitarra u qamu, qamu, qamu u bdew (jitkellmu), u ż-żgħażagħ semgħu ħwejjeġ li missewlhom qlubhom.  Huma kisbu dak l-għerf u baqgħu mexjin ‘il quddiem.  Dan jgħidu ferm tajjeb, tajjeb ħafna, il-Profeta Ġoel.  Fit-tielet kapitlu.  Għalija din hi l-profezija tal-lum il-ġurnata: “Ix-xjuħ ikollhom il-ħolm, iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet”.  Neħtieġu profeti żgħażagħ, imma oqgħodu attenti: qatt tkunu profeti jekk il-ħolm tagħkom ma tiksbuhx mix-xjuħ.  Aktar: jekk ma tmorrux biex lil xi xiħ li jinsab mitluq waħdu, mdejjaq għax ħadd ma jisimgħu biex tgħinuh joħlom…….  Għinu lix-xjuħ joħolmu u dan il-ħolm jgħinkom timxu ‘l quddiem.  Ġoel 3,1.  Aqra din, jagħmillek tajjeb.  Ħalluhom jagħmlulkom il-mistoqsijiet.

Biex nidħlu fuq l-istess mewġa elettromanjetika tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda jgħinna ħafna djalogu kompatt.  Allura, matul dil-ġimgħa nistedinkom biex tesprimu ruħkom bla ħabi, bil-libertà kollha, dan għidtu u ntennih.  Bil-”wiċċ sfiq”.  Intom il-protagonisti, għalhekk huwa importanti li tiktellmu bil-miftuħ.  “Imma jien nistħi, se jkun jismgħani l-kardinal…”  Ħallih jisma’, imdorri.  Niżgurakom lil l-kontribut tagħkom se jittieħed bis-serjetà.  Minn issa ngħidilkom grazzi; u nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex ma tinsewx titolbu għalija.  U dawk li ma jistgħux jitolbu, għax ma jafux jitolbu, għallanqas fehemthom dwari tkun tajba!  Grazzi.