Ġesu’ dejjem kien ikun man-nies fit-triq, jgħin lil dak u lill-ieħor… Il-veru ferħ jiġi mill-iktar avventuri sempliċi u mill-għajnuna lill-proxmu –

Lorenzo Milani. Qassis. Twieled fis-sena 1923 u miet fl-1967. Taljan, minn Firenze.

“Grazzi ħafna mill-ġdid. Itolbu għalija, tinsewx! Anki jien se nieħu l-eżempju ta’ dan il-qassis bravu. Grazzi tal-preżenza tagħkom. Il-Mulej iberikkom. U intom saċerdoti, kollha kemm intom – għalfejn ma hemmx pensjoni fis-saċerdozju – kollha kemm intom, imxu, iġru u ħabirku bil-kuraġġ! Grazzi.”

Hekk temm id-diskors tiegħu Papa Franġisku wara li żar il-qabar ta’ Dun Lawrenz Milani. Kien biss fl-1943 li Lawrenz ikkonverta għal Kattoliċiżmu.  Fil-Parroċċa li ntbagħat jgħin huwa fetaħ ‘l-Iskola tal-Poplu’ li fiha kienet tilqa’ kemm tfal ta’ familji b’fidi Kristjana kif ukoll ta’ familji mingħajr twemmin. Wara seba’ snin intbagħat fil-villaġġ remot ta’ Barbiana fejn kompla b’din l-idea ta’ edukazzjoni minn qassis għal kulħadd mingħajr l-ebda distinzjoni.

Din l-idea tiegħu kienet tinkludi wkoll li l-aspett militari jitneħħa mill-edukazzjoni tat-tfal. Kiteb kontra l-fatt li t-tfal kienu jinfirdu skont il-klassi soċjali, jiġifieri s-sinjuri għalihom u l-foqra għalihom.

Il-viżjoni edukattiva ta’ dan il-qassis li kien jgħallem lit-tfal fit-triq u f’soċjetà li kienet għadha kif ħarġet mill-oppressjoni Faxxista, iddaħlet fis-Soċjoloġija tal-Edukazzjoni u għenet għat-tisħiħ tas-sistema edukattiva u s-soċjetà Taljana.

Fl-2008, MP Maltija stqarret li minkejja li Lawrenz sab diversi ostakli, irnexxilu jgħin lil dawk li l-pajjiż abbandunahom. Kompliet tgħid li l-metodi tiegħu kienu attiraw ħafna u dan għaliex hu ta d-dinjita’ ta’ bniedem lil kull individwu. Issoktat li hu għallimhom jaqraw biex b’hekk jgħixu ħajjithom mingħajr biża’ u jsolvu l-problemi li jkollhom jaffaċjaw.