Wieħed irid jamentti li l-festi lil patrun jew patruna tar-raħal saru parti integrali mill-ħajja kulturali u ħadu post prominenti fil-kalendarju tagħna l-Maltin. Hemm min jieħu gost jaqbeż fix-xemx tiżreċ li taf toffri hi f’dawn iż-żminijiet u oħrajn jippreferu joqgħodu b’imrewħa jew b’palju jew quddiem xi fan fil-Knisja jammiraw l-armar li s-sagristan flimkien mat-tim tiegħu jkun rama. Oħrajn jiddeċidu li joqgħodu d-dar, jagħlqu il-bibien u t-twieqi u ma jaraw u jisimgħu xejn – dawn ma  jkun jinteresshom xejn mill-festa. Tħobbhom jew tobgħodhom pero’, wieħed irid jammetti li l-festi żvilippaw f’esebizzjoni tat-talenti ta’ nies li joffru dedikazzjoni volontarja u f’attrazzjoni għaż-żgħażagħ li tnissel fihom sens ta’ appartenenza lejn il-parroċċa u fl-istess ħin jaljenhom minn affarijiet li bihom jistgħu jagħmlu ħsara lilhom nfushom u lil ta’ madwarhom.

Huwa interessanti l-fatt kif il-komunitajiet għażlu l-qaddis patun jew qaddisa patuna tal-komunita’. It-tweġiba ġenerali u mhux speċifika hi li n-nies ġew ispirati mill-ħajja qaddisa tal-qaddis jew qaddisa – din normalment kien jagħddihilhom l-kleru tal-post minħabba li ħafna mill-poplu ma kinx jaf jaqra. Tgħid din l-isprazzjoni għadha tiġina ma’ kull festa li niċċelebraw?

Pereżempju, fl-arċipelagu Malti nsibu diversi parroċċi ddedikati lil San Pawl, Appostlu tal-Ġnus u Missierna fil-fidi. Kemm jiftakru dawk li jiċċelebraw dawn il-festi Pawlini ħajjet Pawlu ta’ Tarsu? Kemm jiftakru li dan Pawlu kien jippersegwita lill-Insara u wara li esperjenza lil Ġesu’ Kristu, jiġifieri l-essenza tiegħu, l-imħabba, inbidel kompletament u beda jiddefendi l-fidi hu u jxandarha? Jiftakru tgħid li huwa żamm sħiħa l-fidi tiegħu sal-mewt, li seħħet 1950 sena ilu – “Kull min jistqarr quddiem il-bniedem li huwa miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri”. F’dal-każ San Pawl jurina li minkejja li niżbaljaw, xorta waħda hemm l-imħabba ta’ Ġesu’ tistennina.

Hawn ħafna mbagħad jiċċelebraw il-festa tal-15 ta’ Awissu, Santa Marija. L-istess f’dal-każ, kemm min dawk li jiċċelebraw barra jew ġewwa jiftakru fil-‘FIAT’ ta’ Marija, jiġifieri l-IVA taha lil Alla? Marija tgħallimna kif għandna nkunu “l-qaddejja tal-Mulej” – preparati u lesti sabiex nilqgħu u ngħixu r-rieda ta’ Alla għalina. It-tlugħ fis-sema ta’ Marija bir-ruħ u l-ġisem, il-festa propja tal-15 ta’ Awissu, tfakkarna wkoll minn xiex ser ngħaddu la darba mmutu u sseħħ il-Prousita, it-tieni miġja ta’ Sidna Ġesu’ Kristu għall-ġudizzju universali; ġisimna u ruħna jingħaqdu fi stat glorjuż għall-ħajja eterna. Dak li qed naħdmu għalih aħna ta’ kuljum!

Imbagħad hawn minn jiċċelebra qaddisin li ftit jafu bl-istorja tagħhom il-poplu inġenerali. Fost dawn insibu  lil Santa Venera, li tat ġidha lil foqra u ddedikat ħajjitha għax-xandir tal-Kelma ta’ Alla. Tassew li hi għexet kliem Ġesu’: “għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.” Minkejja d-diversi ostakli li sabet, hija sabet il-qawwa u l-kuraġġ, grazzi għall-Ispirtu s-Santu, sabiex tkompli. Il-martirju tagħha huwa xhieda ta’ dan.

Nara li l-festi huma għodda tajba sabiex mhux biss iservu ta’ kalamita għaż-żgħażagħ u esebizzjoni tat-talenti ta’ dawk li jaħdmu għaliha imma ukoll mument li fih nitgħalmu nsiru aktar qaddisin, nixbhu aktar lil Ġesu’ – forsi xi darba għad jagħmlu l-festa tagħna!

Nawgura lil kulħadd l-festi t-tajba li se jiċċelebra!