Kemm nisimgħmu li r-Randan għandu jkun opportunita’ għalina sabiex nippreparaw ruħna għall-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet. 40 jum li fihom nikkontemplaw minn jum għal ieħor kif Ġesu’, Iben Alla, ġie jifdina b’demmu; niftakru li hemm xi ħadd li l-imħabba tiegħu għalina tasal sal-punt li jmut għalina. Din hi tassew xi ħaġa kbira u mħabba tassew.

Aspett ieħor tar-Randan li forsi ma tantx nħarsu lejh huwa l-bidla li għandu jġib fina. Ir-Randan hu staġun ta’ bidla. Il-Papa Franġisku qal fi tweet li jkun tal-aqwa ġid għalina li kieku naqraw il-Bibbja daqskemm nużaw il-mowbajls tagħna. Il-Papa ssuġġerixxa xi ħaġa li nistgħu nagħmlu bħala parti mill-bidla tagħna dan ir-Randan. Wieħed jista’ jagħmel diversi affarijiet li jgħenuh jersaq aktar lejn Kristu u allura jipprogressa fit-triq tal-qdusija tiegħu.

Pero’ għandu għalfejn jasal l-perjodu tar-Randan sabiex ninbidlu? Wieħed għandu jaħdem is-sena kollha sabiex jersaq iktar lejn Alla. Intenni, wieħed jista’ jagħmel diversi affarijiet sabiex jilħaq dan l-għan. Riflessjonijiet, talb, tama u fiduċja aktar f’Alla lkoll huma għodod sabiex inkomplu nersqu lejH.

Jekk hemm xi ħaġa li persuni oħra, li mhumiex Insara, jistennew mingħandna, li nsejħu lilna nfusna Nsara, mhuwiex id-dehra tagħna, l-ilbies u affarijiet oħra materjali, imma l-attitudni u l-imġieba tagħna. Għalkemm ħaddieħor forsi ma jemminx l-istess fidi tagħna, hemm imnejn li għandu għarfien ta’ twemminna. Bħalma Kristu kien jiftaħ idejh għal kulħadd, dawn jistennew mingħandna li niftħu idejna għal kulħadd, anki jekk il-parti l-oħra ma tkunx trid. Hi din l-attitudni li aħna jrid ikolna, l-attitudni ta’ Kristu, li ma tikkonsistiex f’ għejra u mibgħeda, imma f’imħabba u maħfra.

Żuru l-paġna ta’ Facebook għal iktar informazzjoni: http://https://www.facebook.com/vokazzjonijiet