Kif nikbru ftit u naslu biex nagħmlu l-O levels nibdew nistaqsu f’qalbna ‘Jien x’se nkun la nikber?’ Elf ħaġa tiġi f’moħħna u qisu kollox jibda jogħoġobna. Nibdew nisimgħu lil sħabna jgħidu x’se jkunu u min jgħid tabib, min xi inġinier, oħrajn jgħidu mekanik u tista’ tibqa’ sejjer. U terġa tistaqsi: ‘Imma jien x’se nagħżel?’

Il-punt tat-tluq hija din il-mistoqsija, li rridu nagħmlu f’ħajjitna, meta nkunu mogħbijin bl-istudju. Imsomma nibdew infittxu… fuq l-internet xi korsijiet li nistgħu nagħżlu, xi xogħol biex niggwadanjaw l-esperjenza u nġemmgħu xi ftit flus, u nfittxu li jkollna relazzjonijiet tajbin. Din tal-aħħar naħseb li hija l-iktar importanti, għax fl-aħħar mill-aħħar tkun xi tkun f’ħajtek u jkollok kemm ikollok flus qatt mhu se tkun kuntent jekk tkun waħdek! Bl-Ingliż hemm qawl popolari li jgħid: ‘No men is an island’ għax ħadd mhu kapaċi jgħix waħdu. Infittxu l-ħbieb li nħobbu u noħorġu flimkien, xi ġuvni jew tfajla li nkunu nħobbu u nagħtu ħajjitna lil xulxin, imma hemm relazzjoni oħra li ninsew… li ftit li xejn nisimgħu dwarha… għax niltaqgħu magħha fis-skiet… fis-skiet tal-qalb… u li hi relazzjoni ma’ Ġesù. Qisu meta nkunu għadna żgħar, tfal tal-preċett u tal-Griżma nibdew nisimgħu ħafna fuq dan Ġesù imma imbagħad kif nikbru u nsiru iżjed independenti ftit li xejn nistaqsu iżjed fuqu jew qajla nisimgħu xi haġa.

Irridu nfittxu iżjed fil-fond… fis-skiet tal-qalb… min hu dan Ġesù li sar bniedem bħalna u miet biex isalvana… Alla li jħobb u li jistedinna kuljum biex imorru għandu. Din relazzjoni li diffiċċli nispjegaw, għax la naraw xejn u lanqas nisimgħu imma li rridu niftħu qalbna beraħ biex nisimgħu u naraw. Forsi tibda tistaqsi… niftaħ qalbi kif? Żgur li mhux fiżikament! Imma wieħed normalment jiftaħ qalbu ma xi ħbieb tal-qalb, ma nies li nħobbu u nirrispettaw ħafna jew ma’ persuni li nafdaw ħafna. Issa Ġesù wkoll iħobbna u jirrispettana ħafna… tant li tagħna lilu nnifsu… tagħna lilu nnifsu fl-oħrajn (f’dawk in-nies kollha li niltaqgħu magħhom kuljum), fis-Saċerdot (li jgħix ħajtu bl-eżempju t-tagħlim ta’ Ġesù stess), fil-kelma tiegħu (il-Bibbja li fiha hemm l-istorja tas-salvazzjoni u li meta tinqarha tirrivelana lil Ġesù nnifsu) u fl-Ewkaristija (fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù li xerred għalina l-bnedmin kollha għall-maħfra tad-dnubiet). Jista’ jagħtina lilu nnifsu iktar minnhekk?

Forsi mhux faċli naċċettaw dan kollu f’ħajjitna għax jibdew jiġu f’moħħna ħafna mistoqsijiet tal-ħajja, imma rridu naċċettaw bil-fidi f’Ġesù stess u li qal: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx.” Immaġina li kieku kelna fidi bħal din f’Ġesù u li għax verament nemmnu fih nissugraw saħansitra li jeħodna l-guħ u l-għatx. Imma Ġesù huwa mħabba u l-imħabba żgur li ma tiddiżappuntax… għalhekk ejja nissugraw nagħmlu pass ‘l quddiem… l-ewwel pass diġa għamlu Ġesù fuq is-Salib… ta ħajtu għalija u għalik… issa jmiss li aħna nersqu lejħ u nitkellmu miegħu fuq dak kollu li nagħmlu f’ħajjitna. Huwa diġa jaf kollox fuqna imma l-ħbieb tal-qalb ikellmu lil xulxin kuljum… tkellem miegħu u saqsieh jagħtik gwida għal ħajtek… gwida biex jgħinek tgħaraf dak li Hu jixtieqek tagħmel fil-ħajja tiegħek… titlifx din l-opportunità… qed jistennik!